Il-ftiet tal-Għaża huma tifkira ta' meta dari fi żmien ta' luttu, il-qraba tal-mejjet kienu jerfgħu mit-tisjir tal-ikel. Nar ma jqabbdu xejn fid-dar b'sinjal ta' rispett lejn il-qarib li jkunu għadhom kif tilfu.  Huma kienu jieklu biss ħobż mixwi flimkien ma' xi smida li kienu jħejjulhom xi ġirien. Dan iż-żmien ta' luttu kienu jgħidulu 'l-għaża'.

Fl-ikla tal-Għid tal-Erwieħ, ħobż jew ftajjar imqattgħin ftieti midlukin b'xi dilka żejt mħawwar bit-tewm u t-tursin, jitqassmu mal-maħluta, l-ewwel xarba tal-ikla, hekk kif il-mistednin ikunu bdew deħlin fis-sala tal-ikel.



 

 

 

 

 Il-Maħluta hija xarba alkoħolika mħallta bil-meraq tal-frott. Din ix-xarba titqassam lill-mistednin huma u deħlin għall-ikel. Il-Maħluta tirrappreżenta dak ki toffri l-ħajja jiġifieri taħlita ta' qrusa, ħlewwa flimkien mal-ispirtu tal-alkoħol. Il-Maħluta tista' tvarja fl-ingredjenti sakemm jibqa' dan l-element ta' qrusa/mrar/ħlewwa u spirtu. Ir-riċetta li qed nurukom għalissa hija dik tal-maħluta mlaqqma 'il-meraq tal-ħajja'.

 

 

 

 

It-tradizzjoni tal-minestra tal-Erwieħ bdewha l-kapuċċini fil-Belt. Fit-2 ta' Novembru (jum l-erwieħ) il-kapuċċini kienu joħorġu jduru d-dajr tan-nies biex jagħtuhom xi ħaxixa jew tnejn.  Imbagħad kienu jlestu borma kbira fuq kenur barra fit-triq u jsajru l-ħaxix kollu li jkunu ġabru. Dan kien isir bħala opra ta' karità lejn il-foqra li ma kellhomx għaxja ta' lejla.

 


Il-majjal hu l-platt prinċipali tal-ikla. Dari f'xi rħula l-kappillan kien jingħata ħanżira u dan kien jitlaqa' tiġġerra fit-toroq sabiex tintema'  min-nies. Fl-Għid tal-Erwieħ kienet tinqatel u tissajjar biex issir l-ikla. Mill-ikla kienu jinġabru xi flus biex isir l-quddies għall-erwieħ.  



L-Għadam tal-ħelu għadu popolari sa llum mad-dolċiera. Sa minn nofs Ottubru tibda tarah għall-bejgħ u jibqa' jinxtara sa l-ewwel ġimagħtejn ta' Novembru sa ma jasal San Martin. L-għadam jissejħu hekk għax jinħadmu f'din il-forma u jkunu magħmulin minn għaġina tal-ħelu u mimlijin bl-intrita li tkun maħduma bil-lewż. Ftit ġelu fil-wiċċ ma jonqosx biex jagħtihom dik id-dehra bajda lewn il-għadam ta' veru.



Is-sarvetta tal-erwieħ mimlija bil-ħelu kienet drawwa tal-Maltin u biha riedu jdarru lil uliedhom jirrispettaw u jiftakru fil-mejtin. It-tfal kienu jkunu mħajra jagħmlu xi forma ta' sagrifiċċju matul il-jum billi ma jiklux ħelu jew inkella jgħinu lil xi ħadd fil-bżonn. Imbagħad meta jmorru jorqdu filgħaxija kienu jqiegħdu sarvetta taħt l-imħadda biex meta jqumu filgħodu jsibuha mimlija bil-ħelu bħala premju talli kienu bil-għaqal fil-jum ta' qabel. Illum is-sarvetta tal-erwieħ mimlija bil-ħelu tingħata wara l-ikla bħala ringrazzjament lill-mistedin.



Riċetta qadima – Il-Kuċċija - togħma qamħija. Il-ħelu huwa importanti fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid tal-Erwieħ. 

Fil-qedem u fi żminijiet inqas imbiegħda, il-Maltin kellhom rispett kbir lejn il-mejtin tagħhom Xi arkeoloġi jgħidulna li fil-qedem in-nies kienu jiċċelebraw it-tifkira tal-mejtin billi jagħmlu festa f’ġieħhom u kienu jieklu fuq l-oqbra tal-mejtin tagħhom b’turija ta’ rispett. Fil-katekombi fil-fatt jinstabu bħal imwejjed apposta maqtugħin fil-blat. Dawn l-imwejjed li ġejjin għat-tond fil-għamla tagħhom, jissejħu mwejjed tal-agape.

Din iċ-ċelebrazzjoni bl-ikel ġiet ukoll adottata mill-insara tal-ewwel żminijiet ukoll u kienet għadha b’saħħitha sa żmien il-kavallieri. Fil-fatt l-inkwiżitur Mons Duzina fir-rapport tieħu tal-1575 kiteb hekk: “hawn ħafna (hawn Malta) li nhar l-Għid tal-Imwiet jagħmlu l-kuċċija fil-għaxija, jiġifieri jieħdu l-knisja l-qamħ imgħolli biż-żbib, bil-lewż u l-ġewż ġo fih,magħmul għamla ta’ salib u jqassmuh fost dawk li jkun hemm fil-knisja u imbagħad jikluh u jgħidu Pater Noster u Ave Maria għal ruħ il-mejjet li jkun, u dawn l-affarijiet jitqiegħdu ġo friskatur fuq il-monument tal-mejjet u jibqgħu hemm sa kemm jispiċċa l-uffizzju tal-mejtin u jitqassam kif għedna.” Minbarra l-KUĊĊIJA li semma l-Inkwiżitur, hemm ukoll indikazzjoni f’xi dokumenti qodma tan-nutara li kienet issir offerta ta’ ikel f’ġieħ il-mejtin. Din l-offerta kienet tissejjaħ QORBIEN jew QORBAN.

Riċetta tal-Kuċċija. Għalli l-qamħ sakemm jirtab u saffih sewwa mill-ilma. Ħallih jibred. Żid iż-żbib, il-lewż u l-ħlewwa (jew ġewż u konfettura jekk tiggosta). Serviha kiesħa.