Il-Ħanżira tal-Erwieħ. Fl-imgħoddi kien hemm id-drawwa li xi ħadd kien jagħti darfuġa (ferħ ta' ħanżira) lill-kappillan u dan kien jitlaqha tiġri barra biex tintema' min-nies tar-raħal. Wara xi sena din tkun kibret u simnet u tingħata b'ikel lill-foqra. Fl-Għid tal-Erwieħ infakkru dak li kien isir qabel minn missirijietna u għalhekk iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla ta' Għid l-Erwieħ tinkludu ukoll il-majjal fl-ikel prinċipali tal-ikla li ssir kull sena f'Novembru.
It-tubru huwa sinjal ta' rispett lejn il-mejtin. Dan it-tubru jikkonsisti f'kaxxa imqiegħda fuq xi bank u fuq kollox titqiegħed faldrappa sewda li tkun irrakkmata fit-truf bid-deheb u b'xi disinji fl-irkejjen. Fuq il-faldrappa titpoġġa ras ta' mewt isserraħ fuq imħadda sewda u mgħottija b'xi velu iswed. Biex ikun komplut it-tubru jeħtieġlu jkollu erba' gandlieri kbar. Mal-gandlieri jitwaħħlu kartuniet b'disinji u simboli varji li jirrappreżentaw il-mewt u l-ħajja reliġjuża tal-mejjet. Jintramaw ukoll żewġ bankuni fil-ġenb fuq kull naħa u jkollhom sitt xemgħat kbar daqs blanduni weqfin riengla ġo fihom. Fl-imgħoddi t-tubru ma kienx jintrama biss fl-okkażjoni ta' Għid l-Erwieħ imma ukoll meta jmut xi saċerdot importanti jew imlaħħaq. Fil-fatt it-tubru kien ikun għoli skont il-grad tas-saċerdot. Aktar ma' jkun għoli l-grad, aktar ikun fil-għoli t-tubru u r-ras tal-iskeletru titlibbes il-berrittin jew il-mitra tar-reliġjuż.
Ir-ras ta' mewt tfakkarna li m'aħniex għal hawn. Dan huwa simbolu ewlieni fl-Għid tal-Erwieħ tant li fis-sala tal-ikla ġieli jintrama speċi ta' tubru li jikkonsisti fir-ras ta' mewt (magħmula mill-ġibs jew materjal ieħor) imqiegħda fuq xi drapp iswed u imdawwra bix-xemgħat.
Il-fratelli kellhom sehem ewlieni fil-preparazzjoni ta' din il-festa billi kienu jieħdu ħsieb jarmaw it-tubru fil-knisja. Fl-imgħoddi l-fratelli ta' ċerti fratellanzi kienu ukoll jiġbru l-flus biex isir il-quddies b'suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorji u ukoll biex jgħinu lil dawk li kienu foqra jew fil-bżonn. Għalkemm f'xi attivitajiet li jsiru bħalissa, il-fratelli li naraw mhumiex bilfors parti minn xi konfraternità partikulari, imma jkun libsin hemm bħala sens ta' kontinwità lejn missirijietna u s-simbolu qawwi li huma jagħtu. Fl-imgħoddi meta l-fratellanzi kienu jitqiesu bħala assigurazzjoni ta' għajnuna lill-familja wara l-mewt tar-raġel u garanzija ta' funeral xieraq, l-irġiel kollha kienu jindifnu bil-kunfratija tal-fratellanza tagħhom.
Waqt l-ikla tal-Għid tal-Erwieħ tista' għalhekk tiltaqa' ma' fratell fil-bieb. Huwa jdoqq il-qanpiena tal-erwieħ biex isejjaħ lin-nies għall-ikel. Il-libsa bajda u l-għamad tawwali għall-ponta, jissimbolizzaw ukoll l-erwieħ li jistennew lill-mistednin biex jinġabru f'isimhom.
Il-qanpiena tal-erwieħ. Din il-qanpiena kienet tindaqq meta kienu joħorġu biex jiġbru xi flus għall-quddiesa tal-erwieħ. Għalhekk kienu jsejħulha "il-qanpiena tal-erwieħ". Jekk kien ikun hemm xi tfal li jkunu morda jew għandhom xi ħaġa fil-grieżem kienu jagħtuhom jixorbu xi ftit ilma mill-qanpiena biex jgħaddilhom. Illum il-ġurnata, din tintuża biex issejjaħ il-mistednin biex jinġabru madwara il-mejda għall-ikla tal-Għid tal-Erwieħ.