facebook : L-Għid tal-Erwieħ

Daħla

Il-bniedem ifittex li jifhem iktar dwar il-misteru tal-mewt u jaf li din hi parti miċ-ċiklu naturali tal-ħajja.

F’Għid l-Erwieħ aħna niċċelebrw dan iċ-ċiklu. Niċċelebraw dak li kien il-għomor u ż-żmien ta’ dawk li għexu qabilna kif ukoll il-wasla tagħhom fid-dinja l-oħra. Niċċelebraw ir-rabta tagħna magħhom billi nieklu u nixorbu f’ġieħhom u f’isimhom. Kull ċelebrazzjoni tiswa bħala talba sakemm jinżamm dan il-ħsieb warajha. Kulturi oħra qrib tagħna qed jibdlu dan ir-ritwal tal-imwiet, f’xalata karnivaleska. Il-karnival għandu żmienu u hemm ħsieb ieħor warajh, imma l-Għid tal-Erwieħ għandu jinżamm f’dan l-ispirtu ta’ tifkira lejn dawk li ġew qabilna u issa għaddew għall-ħajja l-oħra.


 

“L-erwieħ jifirxu s-sarvetta”
Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan
il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ fil-purgatorju jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin. Għalhekk kienu jgħidu li "l-erwieħ jifirxu is-sarvetta" jiġifieri ikun qed jistennew bil-ħerqa it-talb u l-għotjiet tal-ħajjin sabiex itaffu mit-tbatijiet tagħhom fil-purgatorju. Għaldaqstant f’dan il-jum il-Maltin kienu juru ġenerożità kbira mal-foqra.

Il-minestra
tal-erwieħ


Fost id-drawwiet li nsibu kienet dik tal-minestra tal-erwieħ. Din inbdiet minn xi patrijiet kapuċċini u aktar 'l quddiem kienu jieħdu ħsiebha ukoll anki lajċi. Nhar l-Għid tal-Erwieħ propju fit-2 ta' Novembru kienu jmorru fid-djar u fil-ħwienet biex jiġbru l-ħaxix bħal pastard, qara', zunnarija eċċ li jagħtuhom in-nies u jitfgħu kollox f'kaldarun mimli bl-ilma, imqiegħed x'imkien barra f'xi raħal jew belt. Dan il-kaldarun kienu jserruh fuq żewġ ġebliet u taħtu jkebbsu n-nar biex isajjru l-minestra. Kienu jiġu ħafna biex jieklu minn din il-minestra. Dak iż-żmien il-faqar kien kbir u tarah ma wiċċek il-ħin kollu u dan il-kaldarun bil-minestra kien iservi biex jitma' lil dawk l-imsieken li ma kellhomx għaxja ta' lejla u kienu jistrieħu fuq il-karità biex isosstnu lilhom infushom. Kulħadd kien jagħti mill-ftit li jkollu għax in-nies kienet temmen li bil-karità kienu jtaffu mit-tbatija tal-erwieħ fil-purgatorju.  B'hekk kienet issir il-famuża minestra tal-erwieħ li kienet titma' bosta mill-foqra li kienu jkunu jistennewha bħall-manna nieżla mis-sema.




Il-Ħanżira tal-Erwieħ
 


Drawwa oħra poplari kienet dik tal-Ħanżira tal-Erwieħ. Xi ħadd li kien irabbi xi ħanżira u jkollu l-frieħ minnha, kien joffri darfuġa (ħanżira żgħira) lil qassis u din kienet tintelaq tiġġerra barra fit-toroq biex jitimgħuha n-nies. Meta tikber u tismen nhar l-Għid tal-Erwieħ, il-kappillan kien jew ibigħha u l-flus li jdaħħal minnha jqassmu mal-foqra, inkella jagħmel ikla għall-foqra b'suffraġju għall-erwieħ. Jingħad li din id-drawwa tal-Ħanżira tal-Erwieħ kien bdiha qassis li kien jieħu ħsieb xi knisja fil-Belt, aktarx il-knisja ta' San Nikola, tabilħaqq hekk imsejħa Tal-Erwieħ. Fi żmien li qed insemmu, jiġifieri fi żmien il-kavallieri fil-Belt Valletta kont tara ukoll tiġieġ, mogħoż u ħnieżer jiġru fit-toroq. Għalhekk ma kienx xi għaġeb li ħanżira tintelaq tiġri barra fit-triq. Biex jagħrfuha li kienet tal-erwieħ kienu jdendluha ġaras m'għonqha li kien bħal qanpiena tal-landa biex iċenċel meta titħarrek u dan bħala sinjal biex in-nies jitimgħha. 


 

L-għadam tal-ħelu



Fix-xahar ta' Novembru sewwasew minn Għid l-Erwieħ 'l hemm, fid-djar kienu jippreparaw il-ħelu li jsejħulu "għadam" biex ifakkru fil-mejtin. L-Għadam tal-ħelu jinħadem bħall-figolla bil-mili tal-intrita iżda bid-differenza li jkollu forma ta' għadma. Din id-drawwa għadha b'saħħitha sa llum fost id-dulċiera Maltin u dan il-ħelu popolari jittiekel bħal deżerta jew ma' xi belgħa te jew kafè sħuna. Dan l-għadam tal-ħelu li nsejħulu ukoll 'Għadam tal-Mejtin' iservi biex ifakkarna fis-sinifikat tax-xahar ta' Novembru - ix-xahar tal-mejtin kollha.



It-tifkira tal-għeżież 




Il-kelma 'għid' tfisser festa u minkejja li ma hix festa kmandata, l-Għid tal-Erwieħ kien meqjus bħala festa ewlenija fis-sena, tifkira solenni, kif għadha sal-lum fil-kalendarju liturġiku tal-knisja. In-nies kienet tikkonkorri bil-kbir għal bosta quddies li kien isir b'suffraġju għall-mejtin kif ukoll għat-talb fil-kannierji jew iċ-ċimiterji. Kienet popolari d-drawwa li jintrama t-tubru f'nofs il-knisja nhar l-għid tal-erwieħ bit-tiżjin adatt għal din l-okkażjoni bħal xemgħat, gandlieri u simboli tal-mewt. Minkejja li dan it-tiżjin tneħħa wara l-Konċilju Vatikan II, xi wħud żammew it-tradizzjoni u baqgħu jarmaw it-tubru f'xi oratorju jew kappella. Iż-żjarat fiċ-ċimiterji kienu u għadhom isiru sal-lum il-ġurnata fejn bosta jmorru jqattgħu ftit ħin hemmhekk sabiex inaddfu l-qabar tal-għeżież tagħhom u jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat waqt li jgħidu t-talb għall-bżonnijiet tal-erwieħ. Iċ-ċimiterju u kull post fejn isir id-dfin tal-mejtin huwa meqjus sagru u l-ilħna waqt it-talb jibqgħu baxxi biex tkompli ssaltan l-ħemda u d-devozzjoni. In-nies, hi u tpassi bil-lajma u b'ċerta nikta madwar il-kappelli u l-monumenti taċ-ċimiterju, tagħti kas biex ma tirfisx fuq l-oqbra ħalli dejjem jinżamm ir-rispett lejn il-mejtin. 




L-ikla tal-Għid l-Erwieħ 

fit-2 ta' Novembru 




Sa mill-bidu taż-żminijiet il-bniedem ħass li kellu juri rispett lejn dawk li mietu fil-familja u l-komunità tiegħu. Intebaħ b'dan il-proċess universali tal-mewt u għalhekk rabat il-mewt mal-ħajja. Fil-waqt li ipprepara kif seta' lil niesu mejtin għad-dinja eterna ta' wara l-mewt, kif fehemha hu, iċċelebra ukoll l-ħajja. Mhux ta' b'xejn mela li din il-festa minbarra t-talb u t-tifkiriet, insibu fiha ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja permezz tal-ikel.  Naraw fiha ir-rabta tal-erwieħ u l-ħtieġiet spirtwali tagħhom mal-ikel għall-fqajrin u l-karità magħhom. Bħal ma nagħmlu fil-għadam tal-ħelu, fl-ikel insibu s-simboliżmu li neħtieġu aħna bħala ħajjin biex  niftakru f'niesna li mietu u niftakru ukoll fid-drawwiet tagħhom li ħallew lilna bħala wirt u fuq kollox niftakru fil-mewt u fil-ħajja eterna li naspiraw għaliha.

Permezz tal-ikel ippreżentat fl-okkażjoni tal-Għid tal-Erwieħ aħna nġeddu it-tifkira ta' ħutna l-mejtin, inġeddu ħajjitna fit-twemmin li xi darba ukoll għad ningħaqdu mal-erwieħ kollha fl-eternità mal-Missier Alla. 


F'dawn l-aħħar għoxrin sena xi grupp u komunitajiet kemm lajċi kif ukoll reliġjużu bdew jiċċelebraw l-Għid tal-Erwieħ permezz ta' ikla li tinkludi l-ikel tradizzjonali marbut ma' din il-festa. Ma' dawn ukoll  entità governattiva prominenti li taħdem fix-xena kulturali, qajmet mill-ġdid l-interess għal din il-festa u l-ikel assoċjat magħha. 


L-ikla hija waħda umli ħafna u tinkludi dawk l-ingredjenti bażiċi u disponibbli għal kulħadd. L-ikla sservi ta' eżerċizzju komunitarju biex fis-sempliċità tagħha tfakkarna fit-tradizzjoni u f'dak li hu essezzjali fil-ħajja u fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tifkira tal-għeżież mejtin.


Fl-ikla nsibu dawn:

Il-Maħluta

(taħlita ta' xarba alkoħolika bil-meraq tal-frott)

li tfakkarna fil-ħlewwa u l-qrusa tal-ħajja.

 

Il-ftiet tal-għaża

(ħobż mixwi u midluk bit-tewm u t-tursin)

li jfakkarna fil-vistu li nagħmlu meta nġarbu t-telfa ta' xi qarib minn tagħna. Il-kelma 'għaża' tfisser vistu jew luttu.

 

Il-Minestra tal-Erwieħ

(taħlita ta' ħaxix imsajjar f'borma)

li tfakkarna fid-drawwa tal-imgħoddi  meta, b'sens komunitarju, in-nies kienet tagħti mill-ftit li kellha sabiex taqsam ma' min kien batut. Ġenerożità mal-ħajjin u b'suffraġju għall-mejtin.

 

Il-Majjal il-forn

(imsajjar sħiħ u mqatta' waqt l-ikla, servut mal-patata u ħaxix frisk)

Ifakkarna fid-drawwa tal-ħanżira tal-erwieħ - ġest ieħor b'suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju.

 

Fl-aħħar mal-kafè flimkien ma' xi ħelu tradizzjonali magħruf bħala l-għadam tal-mejtin (għaġina bl-intrita moħmija),

li tfakkarna li għada pitgħada għadam biss jibqa' minna.

 

 


Is-Sarvetta bil-Ħelu



Din kienet ukoll drawwa sabiħa indirizzata għat-tfal fit-2 ta' Novembru. Lit-tfal kienu jdarruhom biex iġibu ruħhom sewwa f'din il-festa u juru r-rispett lejn it-tifkira tal-mejtin. U talli jkunu bravi u forsi qalu xi talba ukoll għall-bżonnijiet tal-erwieħ fil-purgatorju, kienu jagħtuhom sarvetta mimlija bil-ħelu. 


Is-sarvetta tal-ħelu tixbah lill-borża ta' San Martin fil-kuntest li t-tfal ukoll jistgħu jipparteċipaw fil-festa, iżda iktar minn hekk tħajjarhom ikunu attivi favur il-batut billi jitgħamlu jgħinu lil ħaddieħor u jiddaħħlilhom fihom is-sens komunitarju. 


Insibu drawwiet oħrajn f'ċerti familji li meta t-tfal juru r-rispett lejn il-ħajjin u l-mejtin permezz ta' xi att ġeneruż, kienu ukoll jagħtuhom xi pupu żgħir taċ-ċarruta biex jilgħabu bih u dan isibuh b'sorpriża taħt l-imħadda meta jqumu filgħodu. Din id-drawwa x'aktarx ġejja minn Sqallija fejn lit-tfal fl-imgħoddi kienu jgħidulhom li jekk jitolbu għal ruħ in-nannu jew in-nanna fil-pugatorju, dawn jibgħatulhom ġugarell talli urew ħniena magħhom. Fil-fatt sal-lum fi Sqallija għadu jsir dak is-suq kbir li jsejħulu 'La Fiera dei Morti' fejn kulħadd imur jixtri ir-rigali bħal ma jsir fil-Milied.

 

 


Għall-erwieħ!

Din hija espressjoni li għadna ngħidulha sal-lum. L-oriġini ta' din l-espressjoni kienet bdiet propju minħabba din il-festa tal-mejtin. Il-foqra li kienu jkunu qed jistennew bil-ħerqa il-jum tat-2 ta' Novembru biex joħorġu jduru fl-irħula u l-bliet iħabbtu l-bibien. Kif it-tallab kien iħabbat u jiftħulu l-bieb kien jgħidilhom: "Għall-erwieħ ...xi ħaġa għall-erwieħ!" għax kienu jemmnu li bil-karità kienu jittaffew t-tbatijiet tal-erwieħ fil-pugatorju.